Mur għall-kontenut ewlieni
Competition Policy

Il-formola tal-Ilmenti dwar l-Għajnuna mill-Istat

Permezz ta' din il-paġna inti tista' tressaq ilment kontra għajnuna mill-Istat allegatament illegali. Din il-paġna hija disponibbli bi 23 lingwa. Jekk jogħġbok uża l-menù li jinżel li jinsab fin-naħa ta' fuq, fuq il-lemin tal-iskrin sabiex taqleb għal lingwa oħra.

Għaliex tressaq ilment?

L-ilmenti huma sors essenzjali ta' informazzjoni biex jinqabad ksur tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. F'dan ir-rigward, ir-Regolament Proċedurali jipprevedi li l-Kummissjoni għandha teżamina kwalunkwe lment imressaq minn parti interessata.

X'inhi l-bażi legali?

Ir-"Regolament Proċedurali": Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (li jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999), ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9-29.

Ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, kif modifikat fost l-oħrajn bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 372/2014 tad-9 ta’ April 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 fir-rigward tal-kalkolu ta’ ċerti limiti ta’ żmien, it-trattament tal-ilmenti, u l-identifikazzjoni u l-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali ĠU L 109, 12.4.2014, p. 14-22.

Kif nista' niddetermina jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat?

L-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li, sakemm it-Trattati ma jipprovdux mod ieħor, kull għajnuna ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti għandha, sa fejn din teffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, titqies inkompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, jeħtieġ li jintlaħqu b’mod kumulattiv il-ħames kundizzjonijiet li ġejjin sabiex miżura tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat:

  1. L-użu tar-riżorsi tal-Istat
  2. Il-vantaġġ ekonomiku
  3. Is-selettività (jiġifieri l-għajnuna tkun tiffavorixxi ċerti impriżi kummerċjali jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti)
  4. L-effett fuq il-kompetizzjoni
  5. L-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

Għal aktar dettalji, tista’ tikkonsulta l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett tal-Għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Min jista' jressaq ilment b'mod validu?

Skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Proċedurali, huma biss il-partijiet interessati li jistgħu jressqu lmenti biex jinformaw lill-Kummissjoni dwar xi għajnuna allegatament illegali jew l-użu ħażin ta' għajnuna. Għal dak il-għan, il-persuni naturali u legali li jressqu lment skont l-Artikoli 12(1) u 24(2) tar-Regolament Proċedurali għandhom juru li huma partijiet interessati fit-tifsira tal-Artikolu 1(h) ta’ dak ir-Regolament. (Ara wkoll l-Artikolu 11a (1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni).

L-Artikolu 1(h) tar-Regolament Proċedurali jiddefinixxi partijiet interessati bħala “kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta' għajnuna, b'mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ.”

Għaliex huwa obbligatorju li tuża l-formola tal-ilmenti?

L-użu tal-formola tal-ilmenti huwa obbligatorju skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Proċedurali. Skont l-Artikolu 11a (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, il-partijiet interessati huma meħtieġa li jimlew kif xieraq il-formola stabbilita fl-Anness IV tiegħu u jipprovdu l-informazzjoni obbligatorja kollha mitluba fiha. L-għan ewlieni tagħha huwa li tiffaċilita t-trattament tal-ilmenti billi jiġi żgurat li l-Kummissjoni tirċievi l-informazzjoni rilevanti kollha rigward l-għajnuna allegatament illegali jew użata ħażin.

L-ilmenti għandhom jitressqu b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni (l-Artikolu 11a (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni).

Il-Kummissjoni se titlob lill-ilmentaturi li jkunu ppreżentaw informazzjoni mhux kompluta biex jipprovdu l-informazzjoni nieqsa f’limitu ta’ żmien stabbilit. Fin-nuqqas ta’ tweġiba f’waqtha, l-ilment se jitqies li ġie rtirat.

Fuq talba motivata minn parti interessata, il-Kummissjoni tista’ teżenta mill-obbligu li tiġi pprovduta parti mill-informazzjoni mitluba mill-formola (l-Artikolu 11a (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni).

Fejn nista’ nsib il-formola tal-ilmenti u kif nista’ nibgħat l-ilment tiegħi?

Tista’ ssib il-formola tal-ilmenti biex tiddawnlowdjaha hawnhekk.

Inti mitlub tiżgura li timla l-oqsma obbligatorji kollha mmarkati bi stilla (*). Ladarba tkun imlejt il-formola, jekk jogħġbok ibgħatha bl-email jew f’forma stampata bil-posta lil:

European Commission
Directorate General for Competition
State aid Registry
B-1049 Brussels
Belgium
Fax (32-2) 296 12 42
stateaidgreffeatec [dot] europa [dot] eu (stateaidgreffe[at]ec[dot]europa[dot]eu)

Il-Kummissjoni tħeġġek biex tuża l-komunikazzjoni elettronika minflok il-karti.

NB: Rakkomandazzjonijiet għall-ilmenti mibgħuta permezz ta' email:
  • Id-dokumenti mehmuża m'għandhomx jaqbżu t-3 MB.
  • Jekk l-email tiegħek taqbeż dan il-limitu nirrakkomandawlek li tibgħat email oħra bl-istess "suġġett" u bir-referenza "email 2".
  • Jekk għandek ammont kbir ta' dokumenti, tista' tibgħathom bil-posta f'CD ROM fl-indirizzi t'hawn fuq.

Jekk l-ilment fih informazzjoni kunfidenzjali, jekk jogħġbok issottometti żewġ verżjonijiet: verżjoni kunfidenzjali u verżjoni mhux kunfidenzjali bla sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra.

X'jiġri wara li jintbagħat l-ilment?

Inti tirċievi konferma tal-wasla tal-ilment tiegħek fi żmien 15-il jum tax-xogħol. Il-Kummissjoni teżamina l-informazzjoni pprovduta u tinfurmak dwar ir-riżultat mill-aktar fis possibbli (ara t-taqsima 9 dwar l-"ilmenti" tal-Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri ta' kontroll tal-għajnuna mill-Istat).

Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment tiegħek tista' tintbagħat lill-Istat Membru rilevanti għall-kummenti.

Nista' nressaq każ quddiem qorti nazzjonali?

L-obbligu tal-Istati Membri li jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat ippjanata ("l-obbligu ta' sospensjoni") għandu effett dirett, li jfisser li l-partijiet affettwati mill-għajnuna mill-Istat mogħtija bi ksur tal-obbligu ta' sospensjoni ("għajnuna illegali") jistgħu jressqu azzjoni diretta quddiem il-qrati nazzjonali. Għaldaqstant, il-persuni naturali jew legali li l-interessi tagħhom ġew milquta b'mod ħażin bl-allegata għajnuna illegali jistgħu jmexxu l-kwistjoni quddiem il-qrati nazzjonali, li jridu jevalwaw il-każ minkejja l-eżistenza ta' xi proċeduri paralleli quddiem il-Kummissjoni. L-azzjonijiet miġjuba quddiem il-qrati nazzjonali jistgħu joffru mezzi importanti ta' rimedju, li jistgħu jwasslu għal rimedju immedjat lill-ilmentatur milqut mill-għajnuna mill-Istat illegali. Ir-rimedji disponibbli quddiem il-qrati nazzjonali jinkludu: il-prevenzjoni tal-ħlas tal-għajnuna illegali; l-irkupru tal-għajnuna illegali (minkejja l-kompatibilità); l-irkupru ta’ mgħaxijiet mill-illegalità; id-danni tal-kompetituri u partijiet terzi oħra; u miżuri proviżorji kontra l-għajnuna illegali.

Madankollu, inti mitlub tinnota li l-Kummissjoni ma tistax tagħti parir dwar il-proċeduri nazzjonali disponibbli f’każijiet individwali. Iktar informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali tista' tinsab f’din il-paġna.

 

Links relatati