Il-kompetizzjoni tpoġġi lin-negozji taħt pressjoni kostanti biex joffru l-aħjar firxa ta' prodotti possibbli bl-aħjar prezzijiet possibbli għax jekk ma jagħmlux dan, il-konsumaturi jmorru jixtru minn xi mkien ieħor. F'suq ħieles, in-negozju għandu jkun logħba kompetittiva li minnha jibbenefikaw il-konsumaturi.
Xi kultant il-kumpaniji jippruvaw jillimitaw il-kompetizzjoni. Biex is-swieq tal-prodotti jibqgħu jaħdmu sew, l-awtoritatjiet bħall-Kummissjoni jkollhom jevitaw jew jikkoregu imġiba mhux kompettittiva. Il-Kummissjoni timmonitorja:
- il-ftehimiet bejn kumpaniji li inaqqsu l-kompetizzjoni - kartelli jew arranġamenti oħra mhux pusti fejn il-kumpaniji jaqblu bejnithom biex jevitaw li jikkompetu bejnithom u jippruvaw jistabbilixxu r-regoli tagħhom
- l-abbuż ta' pożizzjoni dominanti - fejn attur prinċipali jipprova jaqla' l-kompetituri mis-suq
- l-amalgamazzjonijiet - u ftehimiet formali oħra li bihom kumpaniji jingħaqdu flimkien b'mod permanenti jew temporanju - leġittimi sakemm jespandu s-swieq u jkunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi
- l-isforzi biex is-swieq jinfetħu għall-kompetizzjoni (il-liberalizzazzjoni) - f'oqsma bħat-trasport, l-enerġija, is-servizzi postali u t-telekomunikazzjonijiet. Ħafna minn dawn is-setturi kienu kkontrollati minn monopolji mmexxija mill-Istat u huwa essenzjali li jkun żgurat li l-proċess ta' liberalizzazzjoni jsir b'mod li ma jagħtix vantaġġ mhux ġust lill-dawn il-monopolji qodma.
- l-appoġġ finanzjarju (l-għajnuna mill-Istat) għall-kumpaniji mill-gvernijiet tal-UE - jista' jsir sakemm ma jgħawwiġx il-kompetizzjoni ġusta u effettiva bejn kumpaniji fil-pajjiżi tal-UE jew sakemm ma jkunx ta' dannu għall-ekonomija
- il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-pajjiżi tal-UE (li huma wkoll responsabbli għall-aspetti ta' infurżar tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-UE) - biex jiżguraw li l-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-UE tkun applikata bl-istess mod madwar l-UE